Spiss nisimgħu
l-frażi li rridu npoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Kważi
kważi, drajnieha u ma tantx għadna naħsbu fuq din xi tfisser.
Pero’ jekk vera
npoġġuha fil-prattika u nattwawha, kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian
Delia u l-kumplament tat-tmexxija, l-amministrazzjoni u d-Deputati tagħna qed
nagħmlu, din tagħmel differenza kbira fil-mod kif inħaddmu u nagħmlu
l-politika.
Il-politika qed
tibda dejjem mill-kuntatt man-nies. U ħafna drabi aktar kuntatt informali milli
formali, fejn il-bniedem iħossu komdu jesprimi d-diffikultajiet u l-problemi li
qed jiltaqa’ magħhom aktar milli f’ambjent strett u riġidu. U wara li nkunu
smajna u għarbilna d-diffikultajiet li l-aktar qed jaffetwaw in-nies, nitkellmu
fuqhom, jekk ikun hemm bżonn noħorġuhom fil-media,
intuhom prominenza, inpoġġuhom fuq l-aġenda nazzjonali, u mbagħad nfasslu
l-proposti politiċi li jistgħu jindirizzaw dik il-problema. Anke jekk
il-problema tkun taffetwa imqar individwu wieħed, jekk qed isofri inġustizzja
jew diffikultà għandu jingħata
l-attenzjoni. Għax kull bniedem irid ikun fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu u
ngħidu.
Dan hu l-mod ġdid
kif irridu nfasslu l-politika. Mhux politika fejn nitkellmu biss fuq il-ħafna
ħażin li qed jagħmel il-Gvern, li f’ċertu każi hu gravi, imma fejn nindividwaw
kif qed jiġu affetwati n-nies u ntellqu l-politika u l-proposti tagħna
mill-istejjer tagħhom.
Dan għamilnieh
fil-każ tal-pensjonijiet tal-Membri Parlamentari fejn dawn ingħataw priorità aktar mill-pensjonijiet
tan-nies, għamilnieh fil-każ
ta’ Chris Bartolo li kien qed jinżamm arrestat minkejja l-kundizzjoni medika
tiegħu, għamilnieh fil-każ tal-kundizzjoni tal-Isptar Monte Karmeli u l-istigma
marbuta ma’ nies b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.
Issa qed
nagħmluha wkoll fit-80 proposta li preparajna dwar il-Kunsilli Lokali.
Il-Kunsilli huma l-iktar għodda li biha nistgħu vera npoġġu lil kull bniedem
fiċ-ċentru, għax huma l-eqreb għodda politika qrib iċ-ċittadin. Kienet din
ir-raġuni ewlenija għala 25 sena ilu l-Partit Nazzjonalista waqqafhom, biex
anke jsaħħaħ il-kunċett tas-sussidjarjetà, fejn il-poter ikun dejjem eqreb lejn iċ-ċittadin u aktar mifrux.
Dawn il-proposti huma mibnija fuq ħames priniċipji ewlenin: li nitrattaw
il-problemi soċjali mil-lokalità, li nsaħħu s-sigurtà fil-lokalitajiet tagħna,
li nżidu l-koperazzjoni ta’ Kunsilli flimkien taħt il-kappa tar-reġjun, li
nsaħħu l-finanzi pubbliċi li jamministraw il-Kunsilli, u li nsaħħu l-effiċjenza
fl-amministrazzjoni ta’ kull Kunsill.
Fost dawn il-proposti qed ngħidu li kull Kunsill għandu jkollu Kunsillier
responsabbli mill-Qasam Soċjali, li jkollu Community Worker assenjat skont
id-daqs u l-bżonn tal-lokalità, li jkollu One-Stop Shop relatat mal-qasam
soċjali, budget ring-fenced għal dan il-qasam, u li bil-għajnuna tal-Gvern ikun
jista’ jamministra Ċentru ta’ Matul il-Jum u ta’ Matul il-Lejl, b’mod
partikolari għall-anzjani u dawk li jkollhom bżonn.
Qed nipproponu wkoll li l-amministrazzjoni tal-infurzar lokali terġa’ tmur
lura għand il-lokalitajiet u ma tibqax ċentralizzata kif inhi llum u li jidħol
il-kunċett ta’ community policing
mill-Korp tal-Pulizija.
Hemm ukoll diversi miżuri oħra relatati mat-turiżmu, negozji lokali,
ħarsien tal-annimali, l-allokazzjoni finanzjarja u l-mod kif jiġu mfassla
r-reġjuni. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jagħti ħarsa lejn dan id-dokument, pilotat
mill-Kelliem tal-Kunsilli Lokali Robert Cutajar u d-Direttur tal-Kunsilli
Lokali Charles Bonello flimkien mal-Kulleġġ Kunsilliera tal-Partit
Nazzjonalista, li hu dokument li tfassal wara proċess twil ta’ konsultazzjoni
li kien jinkludi Konferenza Nazzjonali li saret għal Kunsilliera kollha lura
s-sena l-oħra.
Għal darb’oħra l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jkun dak il-Partit
propożittiv, b’ideat ġodda u maħsuba, biex verament il-bniedem jibqa’ fiċ-ċentru
tal-ħidma politika kollha tagħna.
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tal-Erbgħa 11 t' April 2018.
Comments
Post a Comment