Skip to main content

Saħħa 2017, Merħba 2018


Illum hija l-aħħar ġurnata għas-sena 2017, u allura għar-rubrika tal-lum iddeċidejt li nħares ftit lejn l-istejjer ewlenin li seħħew tul l-2017. Għaldaqstant ħarist ftit lejn is-siti elettroniċi ewlenin bħal timesofmalta.com, independent.com.mt, netnews.com.mt u lovinmalta.com, biex nara liem kienu l-istejjer li dawn elenkaw bħala dawk li mmarkaw l-2017.

Bla dubju ta’ xejn l-iktar storja li ħa tibqa’ marbuta mas-sena 2017 kienet il-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Kien l-ewwel qtil politiku fejn il-vittma kienet dik premeditata li tinqatel, u fejn il-vittma inqatlet biss minħabba dak li kitbet jew setgħet kienet ser tikteb. Kienet ġurnalista ta’ kuraġġ kbir u li ma beżgħetx tikxef l-ikbar skandli ta’ korruzzjoni li fihom kien hemm imdaħħlin politiċi u nies fil-poter, u l-pajjiż illum mingħajrha huwa ħafna inqas sikur milli kien.

Infatti ħafna skandli kbar oħra tal-2017 kienu proprju ġejjin mill-pinna tagħha: l-istorja tal-burdell ta’ Acapulco, konfermata mill-crew tan-Net, u l-mandat ta’ sekwestru fuq il-kontijiet bankarji tagħha, il-ħadma wara l-ftehim jinten tal-Vitals biex jagħmlu biċċa profitt minn fuq l-isptarijiet ta’ pajjiżna, u dawk marbuta mal-Bank Pilatus, it-tneħħija tad-dokumenti mill-Bank bil-lejl, l-FIAU, il-whistleblower Russa u d-dokumenti dwar ill-kumpanija Egrant, stejjer li waslu biex tissejjaħ elezzjoni ġenerali proprju f’din is-sena.

Elezzjoni ġenerali li reġgħet tat rebħa kbira oħra lil Partit Laburista, li waslet għar-riżenja ta’ Simon Busuttil mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Riżultat li mbagħad ra lil Partit Nazzjonalista jibda proċess sħiħ ta’ trasformazzjoni: l-elezzjoni ta’ Adrian Delia bħala Kap ġdid tiegħu u tal-kumplament tat-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-Partit. Sena li tefgħet fuqi wkoll l-inkarigu u r-responsabbilità l-ġdida ta’ President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Kienet is-sena tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, Presidenza li tefgħet id-dawl tad-dinja fuq Malta, fejn iżda flimkien mat-tajjeb deher ukoll il-ħażin: l-istejjer tal-ħasil tal-flus u l-iskandli kollha marbuta mal-Prim Minstru u l-Ministri tiegħu, li imbagħad waslu għal voti importanti fil-Parlament Ewropew, vot li kkundanna n-nuqqas tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna u vot li bi żbrixx ma ttimbrax lil Malta bħala tax haven, grazzi għall-interventi tal-MEPs tal-Partit Nazzjonalista.

Kienet is-sena tad-dħul taż-żwieġ bejn nies tal-istess sess, dritt ċivili li daħal bil-kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra. Kienet ukoll is-sena li rat il-waqgħa tat-Tieqa tad-Dwejra, tieqa marbuta ma’ qalb kull Malti u Għawdxi.

Kienet ukoll is-sena li rat il-bidu tal-Presidenza kontroversjali ta’ Donald Trump, il-bidu tal-proċess tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-waqgħa tad-dittatur Robert Mugabe mit-tmexxija taz-Zimbabwe, u r-rebħa ta’ Merkel għar-raba’ terminu ta’ tmexxija fil-Ġermanja.

Kienet ukoll is-sena fejn il-ħabib tagħna Salvu Felice Pace waqaf jieħu ħsieb din ir-rubrika, u għadda l-inkarigu lili. Fi tmiem din is-sena, insellimlu u flimkien magħkom nawguralu għas-sena l-ġdida.

Fl-2018 ser inkun qed inkompli naqsam il-ħsibijiet tiegħi magħkom, ħsibijiet dwar dak kollu li nkun qed niltaqa’ miegħu fid-dinja diġitali, li illum saret parti aktar integrali mid-dinja fiżika tagħna. Żgur li ser tkun sena interessanti, sena li ser iġġib fuqna sfidi ġodda, sfidi kbar, imma li b’impenn u b’determinazzjoni ser inkunu qed niffaċċjawhom u negħlbuhom ilkoll flimkien.


Nawgura lilkom il-qarrejja tagħna u l-familji tagħkom hena, paċi u risq matul is-sena l-ġdida.

Dan l-artiklu deher fil-Mument tal-Ħadd 31 ta' Diċembru 2017.

Popular posts from this blog

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ

Daphne ma nqatlitx ilbieraħ.
Daphne inqatlet meta esponiet traffikanti tad-droga, bil-provi u bir-ritratti tagħhom, u dawn flok ġew arrestati sabu Gvern jgħattilhom. Għax il-papa kien midħla tal-Partit. Għax kien ħabib tal-Ministru.
Daphne inqatlet meta esponiet korruzzjoni fil-Korp tal-Pulizija, meta esponiet spetturi u kuntistabbli li kienu kompliċi mal-kriminali, u dawn flok tkeċċew sabu Gvern li jtihom il-promotions. Anzi, min minnhom kien laħaq tkeċċa qabel, sab Gvern li reġa' daħħlu lura.
Daphne inqatlet meta esponiet bil-provi każi ta' ħasil ta' flus fuq livell internazzjonali, minn reġimi dittatorjali, u l-Kummissarju, l-Avukat Ġenerali, u l-politiċi tagħna, flok ħadu passi raw kif għamlu biex l-evidenza tinqered jew titħalla taħrab.
Daphne inqatlet meta l-Avukat Ġenerali u tliet Kummissarji tal-Pulizija in fila, raw quddiemhom il-provi ta' kriminalita' organizzata min-nies fil-poter, u għalqu ħalqhom u m'għamlu xejn.
Daphne inqatlet meta l-politiċi tagħna ħ…

Daphne wasn't murdered yesterday

English translation of this original blogpost in Maltese.
Daphne wasn't murdered yesterday.
Daphne was murdered when she exposed drug traffickers, with photographs and evidence, and instead of being arrested they found a government ready to cover up for them. Because their daddy was into the Party's circle. Because he was a friend of the Minister.
Daphne was murdered when she exposed corruption in the higher echelons of the Police Force, when she exposed inspectors and police officers involved in criminal circles, and rather than seeing action being taken we saw a government rewarding them with promotions. And re-instating those who had been expelled in the preceding years.
Daphne was murdered when she exposed cases of money-laundering on an international level, involving high-profile politicians from dictatorial regimes, and our Police Commissioner, Attorney General and politicians, failed to take action. Rather, they sought to ensure these crimes were covered up and the evidence…

X'jimpurtani mill-Korruzzjoni? L-aqwa l-but!

Dan l-aħħar donnha saret moda l-frażi “X’jimpurtani mill-korruzzjoni! L-aqwa li għandi l-flus fil-but.”  Il-votanti laburisti bħal donnhom qed jippruvaw jinsew il-fatt li l-Gvern li fdaw huma stess bil-fiduċja tagħhom, tradihom, u qegħdin jgħidu li la sejrin tajjeb personalment, ma jinteressahomx mill-fatt li Malta hija mmexxija minn Gvern korrott. 
Iżda nixtieq infakkarhom li l-poplu jibqa’ sejjer tajjeb sakemm Malta tmur tajjeb.  Jekk Malta tegħreq, aħna negħrqu magħha.  Jekk Malta ma tibqax b’saħħitha, il-Gvern tal-ġurnata ma jkollux għażla ħlief li jdur fuqna għat-taxxi biex jibbilanċja l-kontijiet.  U għalkemm bħalissa mhux qegħdin nħossu l-konsegwenzi tal-għaġir ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, u l-Prim Ministru li ddefendihom, ma jfissirx li ħsara mhux qed issir.  Sempliċement għadna mhux inħossu l-konsegwenzi.  Min jifhem fis-setturi finanzjarji u fl-ekonomiji mondjali malajr jgħidlek li f’din il-logħba, il-mossa li tagħmel illum tkun taf x’sarrfet snin wara.  L-istess bħalm…